Deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE (flimkien mad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu r-rati tal-imgħax)
April 2025
22 ta' April 2025
Komunikazzjoni esterna
Rapport Annwali tal-BĊE 2024
Fil-11 ta’ April 2025, il-Kunsill Governattiv adotta r-Rapport Annwali tal-BĊE 2024, li se jiġi ppreżentat lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew u li se jkun disponibbli fuq is-sit web tal-BĊE fit-28 ta’ April 2025, fi 23 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Infrastruttura tas-suq u pagamenti
Aġġornament dwar l-istatus tas-Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral (ECMS)
Fl-10 ta’ April 2025, il-Kunsill Governattiv ħa nota ta’ aġġornament tal-istatus dwar il-proġett tas-Sistema tal-Eurosistema għall-Ġestjoni tal-Kollateral (ECMS). Dan l-aġġornament jiġi wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv ta’ Ottubru 2024 biex tiġi skedata mill-ġdid it-tnedija tal-proġett tal-ECMS għas-16 ta’ Ġunju 2025 u t-talba tiegħu li jinżamm infurmat regolarment dwar l-istatus tal-proġett. Skont l-aġġornament, li għandu data limitu sal-aħħar ta’ Frar 2025, il-proġett kien qed jagħmel progress tajjeb lejn id-data tat-tnedija, f’konformità mal-pjan tal-proġett miftiehem, filwaqt li r-riżultati tal-ittestjar imwettaq fl-oqsma funzjonali kollha tal-ECMS urew li għad fadal xi sfidi.
Parir dwar il-leġiżlazzjoni
Opinjoni tal-BĊE dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda
ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 fir-rigward ta’ ċiklu ta’ saldu iqsar fl-Unjoni
Fil-31 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/7 wara talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.
Opinjoni tal-BĊE dwar it-tneħħija jew it-tnaqqis ta’ tariffi imposti minn fornituri tas-servizzi ta' ħlas
Fil-31 ta’ Marzu 2025, il-Kunsill Governattiv adotta l-Opinjoni CON/2025/8 imħejjija fuq inizjattiva proprja tal-BĊE.
Governanza korporattiva
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Lietuvos bankas
Fl-4 ta’ April 2025 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/11 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni ta’ Lietuvos bankas.
Rakkomandazzjoni tal-BĊE dwar l-awdituri esterni tal-Latvijas Banka
Fl-4 ta’ April 2025 il-Kunsill Governattiv adotta r-Rakkomandazzjoni BĊE/2025/12 lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-awdituri esterni tal-Latvijas Banka.
Statistika
Aġġornament annwali tal-lista ta' aġenti li jirrapportaw data tal-gruppi li tikkonċerna statistika dwar investimenti f’titoli
Fit-3 ta' April 2025 il-Kunsill Governattiv approva l-lista aġġornata ta' aġenti li jirrapportaw data tal-gruppi li tikkonċerna statistika dwar investimenti f’titoli. Mill-2016 il-lista ġiet aġġornata mill-inqas darba fis-sena fuq il-bażi tal-kriterji kwantitattivi u kwalitattivi stabbiliti fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24). L-entitajiet affettwati mill-bidliet ġew innotifikati mill-bank ċentrali nazzjonali relevanti fi żmien 10 ijiem tax-xogħol wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv, skont l-Artikolu 8(2) tal-Linja Gwida BĊE/2013/7 (aġenti ġodda li jirrapportaw) u għall-finijiet tal-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) Nru 1011/2012 (BĊE/2012/24) (aġenti li jirrapportaw li għandhom jitneħħew).
Rapport ta’ Kwalità tal-2024 dwar il-kontijiet finanzjarji trimestrali taż-żona tal-euro u dawk nazzjonali
Fis-17 ta’ April 2025 il-Kunsill Governattiv approva l-valutazzjoni inkluża fir-Rapport ta’ Kwalità tal-2024 dwar il-kontijiet finanzjarji trimestrali taż-żona tal-euro u dawk nazzjonali u awtorizza l-pubblikazzjoni tiegħu. Dan ir-rapport biennali jipprovdi analiżi ta’ kwalità tal-output statistiku taż-żona tal-euro, li jkopri l-elementi ta’: (I) is-sodezza metodoloġika, (ii) il-puntwalità, (iii) l-affidabbiltà u l-istabbiltà, (iv) il-konsistenza interna, u (v) il-konsistenza/koerenza esterna ma’ oqsma statistiċi komparabbli oħrajn. Ir-rapport se jkun disponibbli iżjed ’il quddiem fis-sit web tal-BĊE.
Superviżjoni bankarja tal-BĊE
Konformità tal-BĊE mal-Linji Gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) dwar politiki, proċeduri u kontrolli interni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni u dawk nazzjonali
Fil-11 ta’ April 2025 il-Kunsill Governattiv ma oġġezzjonax għal proposta mill-Bord Superviżorju biex jinnotifika lill-EBA li, għall-istituzzjonijiet sinifikanti taħt is-superviżjoni diretta tiegħu, il-BĊE għandu l-ħsieb li jikkonforma, sa 30 ta’ Diċembru 2025, mal-Linji Gwida tal-EBA dwar il-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli interni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta' miżuri restrittivi tal-Unjoni u nazzjonali (EBA/GL/2024/14 u EBA/GL/2024/15).
Il-Linji Gwida jistabbilixxu standards komuni tal-UE dwar l-arranġamenti ta’ governanza u l-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli li l-istituzzjonijiet finanzjarji għandu jkollhom fis-seħħ biex ikunu jistgħu jikkonformaw mal-miżuri restrittivi. Dawn l-istandards huma mfassla biex itaffu differenzi sinifikanti fil-mod kif l-awtoritajiet kompetenti jistennew li l-istituzzjonijiet finanzjarji jikkonformaw minkejja li l-miżuri restrittivi huma stabbiliti fil-livell tal-UE.
Bank Ċentrali Ewropew
Direttorat Ġenerali Komunikazzjoni
- Sonnemannstrasse 20
- 60314 Frankfurt am Main, il-Ġermanja
- +49 69 1344 7455
- media@ecb.europa.eu
Ir-riproduzzjoni hija permessa sakemm jissemma s-sors.
Kuntatti għall-midja